| ||||||||||||||||||
Virus tal-Influwenza A(H1N1) FAQDin l-informazzjoni hi meħuda direttament mid-dokument ta’ informazzjoni dwar is-Saħħa tal-ECDC – FAQ (Frequently Asked Questions) – Mistoqsijiet komuni dwar il-virus tal-influwenza A(H1N1). Aġġornata fil-25 ta’ Gunju 2009 Mistoqsija 1. Xi jkun il-virus tal-influwenza A(H1N1)?Il-virus tal-influwenza A(H1N1) huwa sottotip ta’ virus ġdid tal - influwenza li jaffettwa l-bnedmin, u li għandu partijiet mill-genes tal-virus tal-majjali, virus tat-tajr u virus tal-bnedmin, b’formazzjoni li qatt ma nstabet qabel. Viruses ġodda jiffurmaw minn taħlit ta’ genes bejn żewġ viruses oħra (tpartit tal-genes). Dan il-virus A(H1N1) hu r-riżultat ta’ għaqda bejn żewġ viruses tal-influwenza tal-majjali li fihom kien hemm genes ta’ oriġini umana u tat-tajr. M’hemm l-ebda evidenza li dan it-taħlit seħħ fil-Messiku.
Mistoqsija 2. X’inhi d-differenza bejn l-influwenza l-ġdida A(H1N1) u l-influwenza tal-majjali?L-influwenza tipika tal-majjali hija infezzjoni virali akuta tal-passaġġ respiratorju tal-majjali kkawżat minn virus tal-influwenza tip A. Ir-rata ta’ mwiet fost il-ħnieżer hija baxxa u normalment il-ħnieżer morda jfiequ fi żmien 7-10 ijiem. Influwenza li ġejja mill-majjali ssibha ukoll fit-tajr selvaġġ u domestikat, żwiemel u bnedmin, iżda rari tinfirex bejn speċi differenti. Sal-lum, tliet sottotipi tal-influwenza tip A nstabu fil-majjali: l-H1N1, H1N2 u H3N2.
Infezzjonijiet umani zoonotiċi mill-viruses tal-influwenza tal-majjali nstabu lejn l-aħħar tal-ħamsinijiet, normalment f’persuni b’kuntatt dirett mal-ħnieżer (e.g. ħaddiema fi rziezet tal-majjali, etc). Mill-1958, fl-Ewropa ġew rapurtati total ta’ 17-il każ. Fl-Istati Uniti fl-1976, faqqgħu numru ta’ infezzjonjonijiet tal-influwenza tal-majjali fost rekluti f’kamp militari f’ Fort Dix fi New Jersey. Kienu ħasbu li kien hemm rabta mal-mard tal-majjali imma dan qatt ma kien konfermat. Minflok kien hemm numru limitat ta’ trasmissjoni bejn persuni b’iktar minn 200 infezzjoni li wassal biex 12-il ruħ iddaħħlu l-isptar u kien hemm mewta waħda.
B’kuntrast għall-influwenza tipika tal-majjali, dan il-virus ġdid A(H1N1) jiġi trasmess bejn bniedem u ieħor, possibbilment minħabba l-partijiet umani tal-genes ta’ dan il-virus. Mistoqsija 3. Xinhuma s-sintomi tal-influwenza A(H1N1)?Is-sintomi tal-influwenza A(H1N1) fil-bnedmin huma simili ħafna għall-influwenza staġjonali:
– Uġigħat (partikularment fil-muskoli) – Uġigħ ta’ ras – Tkexkix ta’ bard – Għeja – Remetter jew jaqbdek msarnek (dijarrea) - mhix tipika ta’ influwenza imma dawn is-sintomi ġew rapurtati f’xi każi riċenti ta’ din l-influwenza l-ġdida.
F’xi każijiet, kumplikazzjonijiet serji jistgħu jidhru anke f’persuni normalment b’saħħithom li ġew infettati bil-virus. Mistoqsija 4. Kif tittieħed l-influwenza A(H1N1)?In-nies jieħdu l-influwenza A(H1N1) bl-istess mod ta’ kif jieħdu l-influwenza normali staġjonali. Din tinxtered direttament minn persuna għall-oħra permezz ta’ qtar minn persuna infettata li tkun qed tagħtas jew tisgħol; u indirettament meta l-qtar jew tisfija minn griżmejn jew imnieħer jingemgħu fuq l-idejn jew uċuh t’oġġetti, li mbagħad jintmessu minn persuni oħra. Jekk dawn mbagħad imissu ħalqhom jew imneħirhom, il-virus jista’ jittieħed. Mistoqsija 5. Kemm hu twil il-perjodu ta’ inkubazzjoni? Kemm iddum infettiva persuna li jkollha l-virus?Riċerka turi li l-perjodu ta’ inkubazzjoni hu bejn jum u sebat ijiem. Bħalissa jaħsbu li l-virus jinxtered bħal viruses tal-influwenza staġjonali. Għalhekk, adulti li huma morda jistgħu jmarrdu lill-ħaddieħor bejn wieħed u ieħor minn dakinhar li joħorġu l-ewwel sintomi sa ħamest ijiem wara, u fil-każ tat-tfal sa sebat ijiem wara li joħorġu s-sintomi. Hu prudenti li wieħed iqis lil xi ħadd bħala infettiv għall-perjodu kollu li jkollu s-sintomi. Mistoqsija 6. Tista’ din l-influwenza tittieħed mill-bnedmin billi wieħed jiekol il-majjal jew prodotti tal-majjal?Le. Il-virus tal-influwenza ma jiġix trasmess meta wieħed jiekol majjal jew prodotti tal-majjal li huma msajrin tajjeb. L-Awtorita` Ewropea għas-Saħħa tal-Ikel (EFSA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC) m’għandhomx evidenza xjentifika li l-virus tal-influwenza jista’ jiġi trasmess lill-bnedmin mill-konsum tal-laħam jew prodotti tal-majjal. Minkejja l-epidemija preżenti, il-parir minn dejjem kien li wieħed għandu jevita li jiekol laħam nej biex jelimina r-riskju ta’ mard li jinxtered permezz tal-ikel. Hu dejjem rakkomandat li wieħed isegwi prattiċi tajbin tal-iġene fil-kċejjen: li wieħed jaħsel l-idejn u l-uċuħ ta’ fejn jithejja l-ikel u kull apparat ieħor li jintmess bl-ikel nej bl-ilma u s-sapun. It-tisjir tajjeb tal-majjal (temperatura interna ta’ 70°C) joqtol il-viruses u l-mikrobi kollha. Mistoqsija 7. Jista’ l-virus H1N1 jgħaddi bejn il-bnedmin u l-majjali?Uffiċċjali Kanadiżi rrapurtaw li nhar it-2 ta’ Mejju 2009 raħħal infettat bil-virus A(H1N1) għadda l-virus lill-ħnieżer f’Alberta l-Kanada. Ix-xjenzati għas-saħħa fl-ikel kkonfermaw li fit-3 ta’ Mejju 2009 kien jeżisti riskju li l-marda tista’ tinfetta nies li jaħdmu fil-qrib ma’ ħnieżer morda fi rziezet jew f’biċċeriji. Fil-passat, ġew dokumentati ħafna każi fejn nies ħadu tipi oħra ta’ viruses tal-influwenza tal-majjali wara kuntatt ma’ ħnieżer infettati.
Madankollu, uffiċċjali tas-saħħa jsostnu li l-ikel tal-majjal jew prodotti tal-majjal m’humiex ta’ periklu għas-saħħa jekk il-majjal jew il-prodotti tiegħu jissajru tajjeb (ara mistoqsija 6). Mistoqsija 8. Teżisti tilqima kontra l-virus A(H1N1)?Għalkemm teżisti tilqima għall-ħnieżer kontra l-influwenza tal-majjali, s’issa m’hemm l-ebda tilqima li tipproteġi bnedmin mill-influwenza A(H1N1) (ara mistoqsija 9). Din qiegħdha tigi żviluppata. Mistoqsija 9. It-tilqima tal-influwenza staġjonali hi effettiva kontra l-virus tal-influwenza A(H1N1)?Minkejja li hemm ċertu xebh bejn il-viruses tas-soltu tal-H1N1 (koperti bit-tilqim tal-influwenza staġjonali) u l-influwenza ġdida A(H1N1), jidher li t-tilqim staġjonali ma joffrix protezzjoni kontra l-A(H1N1). Mistoqsija10. Teżisti kura għal-virus tal-influwenza A(H1N1)?Ħafna mill-każijiet tal-A(H1N1) huma ħfief u probabbilment ħafna mill-pazjenti jfiequ waħidhom. L-evidenza xjentifika tissuġerixxi li l-virus tal-influwenza A(H1N1) hu sensittiv għall-mediċini anti-virali bħan-neuraminidase inhibitors izda hu reżistenti għall-amantadanes. L-antivirali jtaffu s-sintomi u jnaqqsu t-tul tal-marda. Mistqosija11. X’inhi s-sitwazzjoni fl-Ewropa?Is-sitwazzjoni l-ħin kollu qed tevolvi u għalhekk għall-aħħar informazzjoni żur il-paġna fuq l-internet tal-ECDC. Aġġornament dettaljati ssibhom: http://www.ecdc.europa.eu/en/Health_topics/novel_influenza_virus/2009_Outbreak/ Mistoqsija 12. X’għandi bżonn nagħmel jekk jeħtieġli nivjaġġa f’pajjiżi fejn hemm l-Influwenza?Fi stqarrija tas-27 ta’ April 2009, id-Direttur Ġenerali tal-WHO irrikmandat li ma għandux ikun hemm restrizzjoni fuq vjaġġar, għalkemm hu kunsidrat prudenti li nies li jiżviluppaw is-sintomi għandhom jipposponu l-ivjaġġar internazzjonali. Kull min jiżviluppa sintomi wara li jkun siefer għandu jfittex l-attenzjoni medika.
Mistoqsija13. Xi prekawzjonijiet irid jieħu min jivjaġġa minn postijiet fejn hemm l-influwenza?Vjaġġaturi li ġejjin minn postijiet fejn ġiet rapurtata t-trasmissjoni tal-influwenza jridu josservaw il-qagħda tas-saħħa personali tagħhom u jridu jkellmu tabib jekk fi żmien sebat ijiem minn meta jaslu lura jiżviluppaw:
U xi wħud minn dawn is-sintomi:
– Uġigħ ma’ kullimkien – Uġigħ ta’ ras – Tkexkix ta’ bard – Għeja – Dardir/rimettar jew dijarea – dawn mhumiex sintomi tipiċi tal-influwenza imma f’xi każi tal-influwenza riċenti A(H1N1) ġew rapurtati dawn is-sintomi. Mistoqsija 14. Xi rrid nagħmel biex ma taqbadnix l-influwenza?Bħalissa ma jeżistix tilqim li jipproteġik kontra dan il-virus A(H1N1). Hemm affarijiet ta’ kuljum x’wieħed irid jieħu ħsieb jagħmel biex iżomm milli dan il-virus jinfirex. Biex tipproteġi saħħtek trid kuljum:
L-ewwel u qabel kollox: taħsel idejk ta’ spiss. Orqod l-irqad neċessarju, kun attiv fiżikament, kkontrolla l-istress f’ħajjtek, ixrob ħafna u kul ikel bnin. Tmissx uċuħ ta’ oġġetti li jistgħu jkunu kkontaminati bil-virus. Evita li tmiss għajnejk, imnieħrek jew ħalqek: il-mikrobi jinxterdu b’dan il-mod. Evita kemm jista’ jkun kuntatt ma’ nies morda. Mistqosija 15. Liema huma dawk l-uċuħ t’oġġetti li jistgħu jkunu kontaminati bil-virus tal-influwenza?Il-virus jixtered meta persuna tmiss xi ħaġa li hi kontaminata u mbagħad tmiss għajnejha, mneħirha jew ħalqha. Qtar mit-titjir tas-sogħla jew għatis ta’ persuna infettata jinfirex u jtir fl-arja. Il-virus jixtered meta persuna oħra tmiss dawn il-qtar fuq xi wiċċ ta’ xi oġġett/i bħal skrivanija, kotba, pumijiet ta’ bibien u mbagħad tmiss għajnejha, imneħirha jew ħalqha qabel ma taħsel idejha. Studji juru li l-virus tal-influwenza jista’ jgħix u jinfetta persuna bejn sagħtejn sa tmien sigħat wara li l-qtar joqgħod fuq wiċċ tal-oġġett.
Mistoqsija 16. X’tindif hu meħtieġ isir fid-dar biex wieħed jevita t-tixrid tal-virus tal-influwenza? Hu importanti li wieħed iżomm l-uċuħ kollha ndaf speċjalment komodini, mwejjed, uċuħ f’kmamar tal-banju jew fil-kċina. Dan jista’ jsir billi juża’ diżinfettant domestiku skont l-ispeċifikazzjonijiet fuq it-tikketta tal-prodott. Mistoqsija 17. X’ l-aħjar wieħed jagħmel biex ma jixteridx il-virus meta jkun ma jiflaħx?
Mistoqsija 18. Xinhi l-aħjar teknika kif wieħed jaħsel idejh biex ma jimradx l-influwenza?Il-ħasil ta’ spiss tal-idejn jipproteġik mill-mikrobi. Dan jista’ jsir bl-ilma u s-sapun jew b’likwidu bażi tal-alkoħol (alcohol rub). Preferibbilment l-ilma għandu jkun sħun u wieħed m’għandux idum inqas minn 20 sekonda jaħsel idejh. Meta wieħed ma jkollux l-ilma u s-sapun, wieħed jista’ juża’ wipes b’bażi ta’ alkoħol jew gel sanitisers. Dawn jinstabu fl-ispiżeriji jew supermarkets. Jekk tuża’ l-ġel, ogħrok idejk sakemm dan jinxef. Il-ġel m’għandux bżonn ilma biex jaħdem; l-alkoħol li fih joqtol il-mikrobi li jista’ jkollok fuq idejk.
Għal iktar informazzjoni dwar l-influwenza A(H1N1) żur is-sit tal-ECDC - www.ecdc.europa.eu
|
| |||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
| ||||||||||||||||||||||||